L-Innu Malti
Dan l-artiklu dwar il-mużika huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
“ U l-Kotra qamet f'daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min ikażbarni, – miskin min jidħak bija!” ”—Rużar Briffa mill-poeżija Jum ir-Rebħ
L-Innu Malti huwa l-innu nazzjonali ta' Malta. Inkiteb bħala forma ta' talba lil Alla. Dan l-innu ġie kompost mill-Mro. Robert Samut bil-lirika toħroġ mill-pinna tal-Poeta Nazzjonali Malti Dun Karm Psaila.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Minn nofs is-seklu dsatax sas-snin tletin, Malta kienet għaddejja minn bidla fuq il-lat patrijottiku, b'ħafna ħassieba jħossu li Malta għandha jkollha l-innu nazzjonali tagħha. Fl-1850, Ġan Anton Vassallo kkompona Innu Lil Malta, li kien jintuża f'diversi manifestazzjonijiet u laqgħat politiċi Maltin. Fl-1922, il-Professur Mro. Robert Samut ikkompona melodija qasira. Sena wara, Dr. A.V. Laferla, kap tal-iskejjel primarji f'Malta, ġietu f'idejh din il-kompożizzjoni hekk kif hu xtaq li jkollu innu li jista' jiġi kantat mill-istudenti fl-iskejjel Maltin. Laferla staqsa lil Dun Karm Psaila biex jikteb il-kliem li jkun jista' jaqbel mal-melodija ta' Samut. Dun Karm Psaila kien magħruf għall-ħsibijiet reliġjużi u patrijottiċi li kien jikteb fil-poeżiji tiegħu, u fil-versi li kiteb ma naqasx li jdaħħal dawn l-elementi. L-innu kien diġà beda jindaq f'Diċembru tal-1922, ħafna drabi fl-iskejjel tal-istat. L-ewwel darba li nstama' fil-pubbliku kien fis-27 ta' Diċembru 1922 u darb'oħra fis-6 ta' Jannar 1923, waqt żewġ kunċerti fit-Teatru Manoel. Madanakollu, matul dawn iż-żewġ dehriet, tbiddlu xi versi mill-ewwel stanza. Din irrabjat lil Dun Karm, li pprotesta għal din permezz ta' artiklu f'gazzetta lokali. Minn dakinhar 'il quddiem l-ebda kelma ma nbidlet. Fit-8 ta' Frar 1929, żewġ kunċerti oħra saru fit-Teatru Manoel bil-parteċipazzjoni ta' tfal minn Tas-Sliema li kantaw il-versi oriġinali ta' Dun Karm. L-innu ndaqq mid-Duke of Edinburgh's Band tal-Birgu.
Fit-22 ta' Frar 1941, il-gvern Malti ddikjara l-innu bħala l-innu uffiċjali ta' Malta. Il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964 ikkonfermatu bħala l-Innu Nazzjonali ta' Malta, li llum jirrappreżenta wieħed mis-simboli tal-identità Maltija. Ġrajja interessanti seħħet fil-25 ta' Marzu 1945, waqt logħba futbol bejn Malta XI u t-tim Jugoslav ta' Hajduks li ntlagħbet fil-grawnd tal-Gżira. F'dak iż-żmiem, Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi, u l-Gvernatur Brittaniku kien preżenti. Qabel il-logħba, il-banda daqqet l-innu tal-Jugoslavja, u wara l-innu tal-Gran Brittanja, minħabba li Malta kienet għadha stat kolonjali. Hekk kif il-gvernatur kien se jpoġġi, in-nies kollha qamu u bdew ikantaw l-Innu Malti. Il-Gvernatur, minkejja li kien imbarazzat, baqa' bilwieqfa sal-aħħar tal-innu. L-Innu jindaqq kuljum fuq il-mezzi tax-xandir, u anki waqt il-qadi uffiċjali tal-President ta' Malta, tal-Prim Ministru ta' Malta, u dawk tal-personaġġi statali oħra. Fl-iskejjel u waqt attivitajiet nazzjonali importanti, l-Innu Malti jindaqq ukoll.
Kliem
[immodifika | immodifika s-sors]- Lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha,
- Ħares, Mulej, kif dejjem Int ħarist:
- Ftakar li lilha bl-oħla dawl libbist.
- Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha,
- Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa 'l-ħaddiem:
- Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.
Verżjoni Ingliża
[immodifika | immodifika s-sors]- Guard her, O Lord, as ever Thou hast guarded!
- This Motherland so dear whose name we bear!
- Keep her in mind, whom Thou hast made so fair!
- May he who rules, for wisdom be regarded!
- In master mercy, strength in man increase!
- Confirm us all, in unity and peace!